Maltese Language   English Language
Impjant state-of-the-art għall-iskart kliniku b’valur ta’ €50 miljun

Impjant state-of-the-art għall-iskart kliniku b’valur ta’ €50 miljun

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U LIPPJANAR 

Beda l-proċess biex impjant ġdid tal-ogħla livell jieħu post l-inċineratur tal-Marsa, bl-ewwel sejħa għall-offerti għal studji dwar id-disinn u l-ambjent tinħareġ fil-jiem li ġejjin. 

Hekk ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt żjara fl-inċineratur tal-Marsa. Huwa kompla jispjega l-viżjoni tal-Gvern dwar l-infrastruttura ġdida meħtieġa għall-immaniġjar tal-iskart f’pajjiżna, hekk kif ħabbar il-bini ta’ impjant modern ta’ trattament tal-iskart kliniku b’investiment ta’ €50 miljun. 


L-impjant il-ġdid se jkun mgħammar bl-aħjar teknoloġija state-of-the-art disponibbli fis-suq illum. Dan mhux biss biex jiggarantixxi l-aħjar riżultati ambjentali, iżda se jkollu wkoll ilpotenzjal li tiġi ġġenerata enerġija nadifa waqt il-proċess ta' inċinerazzjoni. Għaldaqstant se jkun qiegħed jikkumplimenta l-impjant waste-to-energy u dak tal-iskart organiku li se jkunu qegħdin jinbnew fil-kumpless ECOHIVE fis-snin li ġejjin. 

Il-Ministru Farrugia spjega kif dan il-proġett se jwassal għal qabża sostanzjali fil-kwalità talħajja. Huwa qal li filwaqt li se jkun qiegħed jitneħħa inkonvenjent kbir mill-Marsa, ittekonoliġja moderna fl-impjant il-ġdid hi waħda li ma tħallix impatt negattiv fiż-żona talmadwar. Fl-istess waqt, dan l-impjant se jkun qiegħed marbut mal-impjanti l-ġodda l-oħra, fejn wieħed jitma’ lill-iehor u b’hekk jitnaqqas l-impatt ambjentali mill-ġarr bejn naħa u oħra tal-pajjiż. Dan hu pass ieħor fit-triq ‘il quddiem għal ekonomija ċirkulari, saħaq il-Ministru. 

Sakemm l-impjant il-ġdid jitlesta, l-WasteServ bdiet numru ta’ miżuri ġodda biex tnaqqas linkonvenjent mill-inċineratur l-antik tal-Marsa. F’dawn l-aħħar ġimgħat ġew indirizzati numru ta’ kwistjonijiet bħall-ħażna iktar addattata tal-frakassi tal-għadam, it-titjib fis-sistema ta’ trattament ta’ ilma maħmuġ, kif ukoll l-itikkettar xieraq ta’ skart li jkun dieħel, fost numru ta’ miżuri oħrajn. Fiż-żmien li ġej, se jkun qiegħed isir iktar titjib bl-installazzjoni ta’ sistemi li jnaqqsu l-irwejjaħ fl-arja, titjib fis-sistema ta' scrubbing tal-arja u avvanzi oħrajn li se jkunu qegħdin jagħmlu differenza fl-inħawi tal-impjant. 

Matul iż-żjara tal-Ministru Farrugia fl-impjant il-qadim, il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega kif minbarra t-titjib imsemmi, element importanti ħafna biex linċineratur jiffunzjona kif suppost huwa l-kwalità tal-materjal li jidħol speċjalment il-kwalità ta’ prodotti sekondarji tal-annimali. Is-Sur Bilocca spjega kif il-WasteServ fil-jiem li ġejjin se PR 201731 Page: 2 of 2 DIPARTIMENT TAL-INFORMAZZJONI – DEPARTMENT OF INFORMATION MALTA tkun qiegħda f’diskussjonijiet ma’ biċċeriji privati u rziezet tal-bhejjem biex tispjega kif sforzi żgħar lil hinn mill-pratiċċi tradizzjonali mdorrijin bihom, jistgħu jagħmlu differenza kbira floperat tal-impjant. Sfortunatament, l-iskart li jittieħed f’dan l-impjant għadu fil-biċċa l-kbira tiegħu jidħol kontaminat fosthom bi plastik li jagħmel ħsara kbira lill-impjant, kif ukoll annimali mejta u prodotti sekondarji tal-annimali li ta’ spiss jitwasslu fi stat avvanzat ta' dekompożizzjoni.

“It-titjib fil-faċilità jirrikjedi sforz kollettiv u l-WasteServ hija determinata li twassal dan fliqsar żmien possibbli, hekk kif se tkompli għaddejja bil-preparamenti neċessarji għallkostruzzjoni ta’ faċilità ġdida ta' l-ogħla livell,” stqarr Bilocca.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200