Jitħabbru r-rebbieħa tat-12-il edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards

Jitħabbru r-rebbieħa tat-12-il edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards

Skejjel, entitajiet pubbliċi, NGOs, negozji u individwi ġew rikonoxxuti għall-kontribut tagħhom favur it-tnaqqis tal-iskart matul it-12-il edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards. Organizzat minn WasteServ bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart, dan l-avveniment jiċċelebra inizjattivi li ħallew impatt bil-għan li jrawmu attitudni aktar sostenibbli fl-immaniġġjar tal-iskart. 

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, faħħret lill-parteċipanti għall-kreattività u l-impenn tagħhom. “Għal darb'oħra rajna ħafna inizjattivi innovattivi minn stakeholders differenti li mhux biss qajmu kuxjenza ambjentali imma wkoll saħħew is-sens ta' komunità. Dawn l-azzjonijiet involvew familji, studenti, u anki klijenti, biex b'hekk ħolqu bidla pożittiva wiesgħa. Ninsab partikolarment impressjonata bl-inizjattivi ta' tant skejjel li qed jieħdu sehem, hekk kif il-ġenerazzjoni żagħżugħa qed tmexxi lil pajjiżna lejn futur aktar sostenibbli," qalet il-Ministru Dalli. 

WasteServ, li ta' kull sena torganizza dan l-avveniment, tat total ta' €22,000 fi premjijiet lir-rebbieħa li ntgħażlu minn panel ta' esperti. L-edizzjoni ta' din is-sena ffukat fuq il-ħela tal-ikel u l-impatt ambjentali li dan iħalli, filwaqt li tat opportunità lill-parteċipanti jippreżentaw azzjonijiet li jippromwovu t-tnaqqis, l-użu mill-ġdid, u r-riċiklaġġ tal-iskart biex titqajjem kuxjenza fuq dan is-suġġett. 

Il-Kap Eżekuttiv ta' WasteServ Richard Bilocca enfasizza l-importanza ta' avvenimenti bħal dawn li jippromwovu l-prevenzjoni tal-iskart u s-sostenibbiltà. “Dawn il-kisbiet jistħoqqilhom rikonoxximent għax ikomplu jispiraw individwi u organizzazzjonijiet biex jipprijoritizzaw it-tnaqqis tal-iskart. Permezz ta' sforzi kollettivi, qed nixprunaw lill-pajjiż lejn ekonomija aktar ċirkolari, fejn ir-riżorsi jintużaw b'mod aktar effiċjenti," irrimarka s-Sur Bilocca. 

Ingħata wkoll rikonoxximent speċjali lill-Kunsilli Reġjonali għall-isforzi kontinwi tagħhom biex imexxu 'l quddiem l-istrateġija tal-immaniġġjar tal-iskart fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. L-aqwa tliet Reġjuni magħżula kienu l-Kunsill Reġjonali Port, il-Kunsill Reġjonali Għawdex u l-Kunsill Reġjonali Punent.

​​​​ Il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart hija l-akbar kampanja fl-Ewropa ddedikata għall-prevenzjoni tal-iskart. Din is-sena, din l-inizjattiva se tiffoka fuq l-isfida dejjem tikber tal-iskart elettroniku, skart li dejjem qiegħed jiżdied fl-UE. Il-kampanja se tkun qed ssir mit-22 sat-30 ta' Novembru, u tħeġġeġ lill-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet biex jieħdu azzjoni biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.​​

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200