Inħarġet sejħa għall-offerti fuq xogħlijiet ta’ skavar ta’ blat sabiex tiġi mħaffra engineered landfill ġo sit eżistenti fil-kumpless tal-ECOHIVE.
Huwa mistenni li jiġi skavat madwar 530,000 metru kubu ta’ blat. Il-kuntratt ser jintrebaħ minn min jissottometti l-irħas offerta skond il-kriterji amministrattivi u tekniċi, hekk kif iddettaljati fid-dokument tat-tender. Ix-xogħlijiet għandhom jitlestew fuq perjodu ta’ disa’ xhur.
It-tender jinkludi wkoll, rapport ġeoloġiku li jispjega t-tip ta’ blat preżenti fiż-żona li ser tiġi mħaffra, sabiex il-bidders jifhmu aħjar in-natura tax-xogħol li jrid isir.
L-offerti jistgħu jiġu sottomessi sat-28 ta’ Lulju 2020, 09:30.
Fil-ġimgħat li ġejjin, WasteServ ser tkun qed toħroġ sejħa għall-offerti oħra, għal ħitan vertikali u liners speċjalizzati, sabiex niżguraw li l-engineered landfill tkun tal-ogħla standards ambjentali.
Il-WasteServ bħalissa qiegħda timplimenta numru ta’ proġetti li flimkien mar-riforma tal-Politika dwar il-Ġestjoni tal-Iskart, immexxija mill-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, ser imexxu lil Malta lejn ekonomija ċirkulari. Aktar dettalji fuq dan ix-xogħol, kif ukoll id-dokument tas-sejħa għall-offerti jinsabu fuq ecohive.com.mt