Maltese Language   English Language
Ħames konsorzji ewlenin magħżula biex jiddisinjaw, jibnu u joperaw l-Impjant Waste to Energy

Ħames konsorzji ewlenin magħżula biex jiddisinjaw, jibnu u joperaw l-Impjant Waste to Energy

Jiġu pre-selezzjonati ħames konsorzji stabbiliti biex jipproċedu għat-tieni stadju tal-proċess biex jintagħżel l-operatur li se jkun qed jiddisinja, jibni u iħaddem l-Impjant Waste to Energy fil-kumpless ECOHIVE. 

Il-ħames konsorzji kisbu l-ogħla punteġġi fost 11-il offerent li ppreżentaw il-Kwestjonarju ta’ Qabel il-Kwalifikazzjoni, fl-ewwel stadju ta’ dan il-proċess kompetittiv. Dawn tħabbru minn WasteServ nhar it-Tnejn, biex b’hekk ġie konkluż b’suċċess l-ewwel stadju mingħajr ebda appelli mill-offerenti l-oħra. 

Il-proċess tal-akkwist issa se jgħaddi għall-istadju kompetittiv li jmiss, l-Istedina biex Tipparteċipa fid-Djalogu, hekk kif WasteServ qed taħdem biex tikkonkludi dan il-proċess bl-aġġudikazzjoni tal-kuntratt skont kriterji pre-stabbiliti. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca esprima s-sodisfazzjon tiegħu hekk kif il-kumpanija rnexxielha tattira uħud mill-ismijiet ewlenin fl-industrija, riżultat li juri l-validità tal-proġett u jikkonferma li WasteServ tgawdi minn stima mill-industrija internazzjonali. 

Il-preparamenti ta’ dan il-proġett qed jipproċedu skond l-iskeda bit-tħaffir tas-sit diġà jilħaq stadju tajjeb. 

L-Impjant Waste-to-Energy se jkun qed jittratta skart li ma jistax jiġi riċiklat f’enerġija ħadra biex b’hekk ma jispiċċax fil-landfill. Dan se jkun qed ibiddel il-mod ta’ kif jiġi mmaniġġjat l-iskart f’Malta u se jkun qed jikkumplimenta l-impjanti tal-immaniġġjar tal-iskart l-oħra li se jiffurmaw parti mill-kumpless ECOHIVE. 

Dan l-impjant jagħmel parti mill-investiment ta’ €500 miljun fil-proġett ECOHIVE li huwa maħsub biex jippermetti lill-pajjiż jitbiegħed mid-dipendenza storika tiegħu ta’ rimi fil-miżbliet f’kuntest ta’ ekonomija ċirkolari bl-iskart kollu jinbidel f’riżorsi.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200