Il-Kummissarju Ewropew Jessika Roswall iżżur WasteServ

Il-Kummissarju Ewropew Jessika Roswall iżżur WasteServ

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, ir-Reżiljenza tal-Ilma u l-Ekonomija Ċirkolari Kompetittiva, Jessika Roswall, illum żaret WasteServ, fejn setgħet tara l-progress sinifikanti li qed isir fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta, kif ukoll l-isforzi kontinwi biex tissaħħaħ it-tranżizzjoni tal-pajjiż lejn ekonomija ċirkolari. 

Iż-żjara saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, u l-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca. Flimkien żaru diversi faċilitajiet fi ħdan WasteServ, fosthom il-Kumpless ECOHIVE fin-Naxxar. 

Il-Kummissarju Roswall bdiet iż-żjara tagħha fl-ECOHIVE Academy f’Marsaskala, fejn setgħet tara mill-qrib l-inizjattivi edukattivi ta’ WasteServ. Permezz ta’ logħob interattiv u kontenut informattiv, l-Academy tippromwovi l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari b’mod divertenti u aċċessibbli, b’mod partikolari fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Il-Kummissarju enfasizzat l-importanza tal-edukazzjoni, speċjalment f’età żgħira, biex wieħed jitgħallem kif l-iskart jista’ jinbidel f’riżorsa ta’ valur. 

Il-Kummissarju setgħet ukoll tara l-proġetti infrastrutturali li tlestew matul dawn l-aħħar snin, kif ukoll dawk li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom, b’mod partikolari l-Proġett ECOHIVE. 

Meta jidħol fis-seħħ, il-Proġett ECOHIVE se jittrasforma l-mod ta’ kif Malta timmaniġġja l-iskart tagħha, b’tnaqqis sinifikanti tal-iskart li jispiċċa fil-miżbliet, filwaqt li jinħolqu riżorsi ta’ valur. Iż-żjara serviet ukoll bħala opportunità biex jiġi enfasizzat kif titjib tanġibbli fl-operat, flimkien ma’ ppjanar strateġiku fit-tul, qed iwasslu għal bidla fl-immaniġġjar tal-iskart madwar il-pajjiż. 

“Kienet esperjenza ta’ ispirazzjoni li żort proġetti f’Malta li jippromwovu t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari, u rajt mill-qrib kif l-iskart jista’ jinbidel f’riżorsa. Dan mhux biss huwa importanti għal Malta, iżda jirrappreżenta wkoll opportunità għall-Ewropa. L-ekonomija ċirkolari hija t-triq biex nibnu r-reżiljenza, speċjalment fid-dawl tal-eskalazzjoni tal-kunflitti madwar id-dinja biex jinkiseb aċċess għal materja prima, kif ukoll il-bidliet ġeopolitiċi kbar li qed iseħħu madwarna. Iċ-ċirkolarità hija l-uniku mod kif nistgħu nħarsu l-ekonomija tagħna mill-isfidi tal-futur. Aħna niddependu fuq pajjiżi oħra għal aktar minn 90 fil-mija tal-materja prima kritika, iżda nirriċiklaw inqas minn 1 fil-mija. Għalhekk, aktar tard din is-sena se nippreżentaw l-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari, li se jkun il-qafas Ewropew li jippermettilna nibnu suq uniku ġenwin għal materjali ċirkolari,” qalet il-Kummissarju Roswall. 

Il-Ministru Miriam Dalli qalet: “L-investimenti li qed jagħmel dan il-Gvern u l-politiki li ġew implimentati matul l-aħħar snin qed iwasslu għal bidla konkreta. Mhux biss qed nimmaniġġjaw l-iskart b’mod aktar effiċjenti, iżda qed nibdluh ukoll f’riżorsi ta’ valur. Iż-żjara tal-lum uriet l-impenn ta’ WasteServ għal titjib kontiwu u investiment fl-innovazzjoni u fl-edukazzjoni għal aktar sostenibbiltà fis-settur tal-iskart, sabiex tappoġġja l-objettivi ambjentali u klimatiċi usa’ ta’ Malta.” 

Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, qal: “WasteServ tibqa’ kommessa li twassal ambjent aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-edukazzjoni, b’mod partikolari fost it-tfal, tibqa’ fiċ-ċentru tal-isforzi tagħna. It-tfal tagħna huma l-motivazzjoni wara x-xogħol li nwettqu ta’ kuljum fil-faċilitajiet tagħna, u aħna determinati li nħallulhom ambjent aħjar minn dak li writna. Permezz ta’ investiment kontinwu u d-dedikazzjoni tat-timijiet tagħna, nibqgħu ffukati bis-sħiħ biex inwettqu l-istrateġija ambizzjuża ta’ Malta fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.” 

Matul iż-żjara tagħha, il-Kummissarju Roswall ġiet infurmata wkoll dwar il-progress li qed isir fuq il-proġett li se jittrasforma l-faċilità tal-iskart ta’ Sant’ Antnin f’24,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ għall-pubbliku, li jirrappreżenta investiment totali ta’ €37 miljun.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200