Maltese Language   English Language
Jinfetaħ it-tieni Reuse Centre, din id-darba f’Għawdex

Jinfetaħ it-tieni Reuse Centre, din id-darba f’Għawdex

WasteServ fetħet it-tieni Reuse Centre tagħha fiċ-Ċentru għall-Iskart Goff li jinsab fix-Xewkija, Għawdex. Dan se jkompli jibni fuq is-suċċess tal-ewwel Reuse Centre li nfetaħ iktar kmieni din is-sena f’Ħal Far fejn diġà nġabru ’l fuq min elf oġġett fi tliet xhur li ilu miftuħ. Waqt żjara li saret f’dan iċ-Ċentru ġdid mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett ġie spjegat kif dawn iċ-ċentri qed joħolqu bidla fil-mod ta’ kif inħarsu lejn l-iskart. 

Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Proġetti bħal dawn jgħinuna nħarsu lejn l-iskart bħala riżorsa billi oġġetti li għadhom f’kundizzjoni tajba jingħatalhom skop ieħor biex b’hekk nestendu l-ħajja tagħhom u jibqgħu jintużaw minflok jintremew. B’hekk inkunu qed innaqqsu l-iskart filwaqt li nimxu lejn ekonomija ċirkulari.” 

Il-Ministru Clint Camilleri faħħar din l-inizjattiva li jinfetaħ Reuse Centre tal-WasteServ f’Tal-Kus, wara li l-ewwel wieħed infetaħ f’Ħal Far. Huwa qal, “Dan l-investiment se jkun ifisser tnaqqis fl-iskart għaliex oġġetti li għadhom f’kundizzjoni tajba u jistgħu jerġgħu jintużaw mhumiex se jintremew kif kien qed isir qabel. Għalhekk qed inħeġġu aktar lin-nies jirriċiklaw.” Huwa rringrazzja lill-Ministru Miriam Dalli u lis-Segretarju Parlamentari Chris Bonett li għarfu l-importanza li f’Għawdex ukoll isir dan l-investiment filwaqt li stqarr li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma konġunta u inizjattivi favur l-ambjent f’Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li b’investiment ta’ €170,000 mill-Fond ta’ Koeżjoni, WasteServ fetħet dan it-tieni ċentru biex il-pubbliku jingħata l-opportunità jġib oġġetti użati f’kundizzjoni tajba biex ikunu jistgħu jerġgħu jiġu użati. Is-Segretarju Parlamentari Bonett qal li Wasteserv Malta ilha għaddejja b’inizjattivi u kampanji edukattivi biex tkompli teduka lill-poplu Malti dwar l-importanza tas-separazzjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ u li oġġett jerġa’ jintuża. Huwa spjega kif mill-programm ta’ finanzjament il-ġdid, pajjiżna se jara li jiġu allokati fondi bħal dawn biex WasteServ tkun tista’ twettaq aktar proġetti. 

Permezz ta’ dawn iċ-ċentri se jkun possibbli li jiġu akkwistati diversi oġġetti użati li għadhom f’kundizzjoni tajba b’donazzjoni li tmur ġo fond li twaqqaf mill-WasteServ biex jintuża għall-inizjattivi favur l-ambjent. Matul iż-żjara, l-Ministri Miriam Dalli u Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Bonett kellhom ukoll l-opportunità li jżuru l-Faċilità Tal-Kus li sservi biex skart li ġej minn Għawdex u Kemmuna jinġabar f’post wieħed qabel jiġi trasportat lejn Malta għat-trattament. Żewġ Reuse Centres oħra se jkunu qed jinfetħu f’Ħal Luqa u fl-Imrieħel fil-ġimgħat li ġejjin. 

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200