WasteServ tonora inizjattivi għat-tnaqqis tal-iskart

WasteServ tonora inizjattivi għat-tnaqqis tal-iskart

Waqt it-tlettax-il edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards, li ttellgħet minn WasteServ  fit-22 ta’ April, ġew iċċelebrati aktar azzjonijiet għat-tnaqqis tal-iskart u prattiċi sostenibbli. 

Din l-inizjattiva, li ssir kull sena bħala parti mill-European Week for Waste Reduction, tlaqqa’  flimkien amministrazzjonijiet pubbliċi, skejjel, negozji, għaqdiet mhux governattivi u individwi  li joħolqu inizjattivi ta’ ispirazzjoni li jwasslu għal bidla konkreta. L-edizzjoni ta’ din is-sena  ffokat fuq l-iskart elettroniku u enfasizzat kif l-isforz kollettiv jista’ jgħin biex tiġi indirizzata  waħda mill-akbar problemi ta’ skart li qed tikber b’rata mgħaġġla fl-Ewropa. 

Din is-sena daħlu 160 azzjoni minn 68 parteċipant, b’min jirbaħ jintgħażel minn bord  indipendenti ta’ esperti. 

Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli faħħret lill-parteċipanti tal-edizzjoni  ta’ din is-sena għall-azzjonijiet innovattivi tagħhom. “Illum mhux biss qed niċċelebraw  azzjonijiet li jnaqqsu l-iskart, iżda wkoll l-importanza li nqiegħdu is-sostenibbiltà fiċ-ċentru  tad-deċiżjonijiet tagħna. Permezz ta’ investimenti sostanzjali, policies ġodda u  l-parteċipazzjoni tan-nies, qed naraw riżultati tanġibbli fil-ġestjoni tal-iskart. Mhux biss qed  ninvestu fl-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri, iżda wkoll f’kwalità ta’ ħajja aħjar illum billi  noħolqu aktar spazji ħodor u miftuħa fil-komunitajiet tagħna,” qalet il-Ministru Dalli. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, enfasizza l-importanza li jiġu rikonoxxuti  azzjonijiet prattiċi li jmorru lil hinn mill-għarfien. “Il-European Week for Waste Reduction hija  opportunità importanti biex niċċelebraw l-impenn tan-nies ħalli jitnaqqas l-iskart. Inizjattivi  bħal dawn ikomplu juruna kemm il-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha għal qalbha l-ambjent.  Għalhekk, bħala WasteServ, se nkomplu naħdmu biex noħolqu ambjent aħjar  għall-ġenerazzjonijiet futuri billi nkomplu mmexxu lill-pajjiż lejn ekonomija aktar ċirkolari,” qal  is-Sur Bilocca. 

Matul l-istess ċerimonja, WasteServ irrikonoxxiet ukoll l-isforzi tal-Kunsilli Reġjonali permezz  tal-Waste Management Awards, li jirrikonoxxu impenn konsistenti lejn prattiċi aħjar  fil-ġestjoni tal-iskart fil-lokalitajiet. Il-premjijiet ingħataw lill-Kunsill Reġjonali tal-Port,  lill-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex u lill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant, li kklassifikaw fost l-ewwel  tliet reġjuni għall-prestazzjoni tagħhom fil-ġestjoni tal-iskart. B’kollox ingħataw €22,000 fi premjijiet għas-seba’ kategoriji stabbiliti, kif ukoll għall-Waste  Management Awards, sabiex jiġu rikonoxxuti inizjattivi li wrew impatt ambjentali pożittiv u  involviment attiv tal-komunità. Il-European Week for Waste Reduction tibqa’ l-ikbar kampanja ta’ għarfien tat-tip tagħha fl-Ewropa, b’eluf ta’ parteċipanti kull sena madwar l-Istati Membri. Il-kampanja ta’ din is-sena  se ssir bejn il-21 u d-29 ta’ Novembru u se tiffoka fuq il-Material Sufficiency, approċċ li jmur lil hinn mir-riċiklaġġ u s-separazzjoni tal-iskart. 

Dan il-kunċett jinkoraġġixxi lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet jirriflettu fuq kemm jikkunsmaw, jifhmu x’verament għandhom bżonn, u  jreġġgħu lura sistemi ta’ produzzjoni u konsum, bil-għan li jitnaqqas l-iskart mis-sors. 

Rebbieħa – Malta Waste Reduction Awards 2026 

Kategorija Amministrazzjoni Pubblika
Kunsill Lokali Is-Siġġiewi b’kollaborazzjoni mal-Grupp tal-Iskawts tas-Siġġiewi 

Kategorija Skejjel
L-ewwel post: St Augustine College Primary School
It-tieni post: Sacred Heart Junior School
It-tielet post: St Benedict College Kirkop Secondary School

Kategorija Ċittadini
Margaret F Cutajar

Kategorija Negozji
Malta Freeport Terminals Ltd

Kategorija Għaqdiet Mhux Governattivi
Foundation for the Conservation of the Maltese Honeybee

Kategorija Clean-up
Vikings Sailing Club

Kategorija l-Aktar Inizjattiva Innovattiva
MSPCA Charity Shops

Minbarra li rebħet il-Kategorija taċ-Ċittadini, Margaret F Cutajar intgħażlet ukoll bħala  finalista għall-European Waste Reduction Awards, fejn se tirrappreżenta lil Malta fuq livell  Ewropew.

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200