Stqarrija Konġunta dwar il-Ġbir tal-Ħġieġ

Stqarrija Konġunta dwar il-Ġbir tal-Ħġieġ

L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, l-GreenMT u l-Koperattiva GreenPak, flimkien mal-WasteServ Malta Ltd. jixtiequ jirrikonoxxu l-sforz kbir li qed isir mill-pubbliku fejn tidħol is-separazzjoni ta’ l-iskart. Madankollu,hekk kif il-pajjiż ikompli jagħmel sforz kollettiv biex itejjeb il-performance ambjentali tiegħu, nixtiequ ninnutaw dan li ġej. 

Ħġieġ imħallat ma’ materjali oħra bħal boroż tal-plastik, kaxxi tal-kartun u oġġetti oħra tal-iskart mhux ser jibqu jiġu aċċettati mill-ewwel ta’ Settembru 2020. Dan qed isir biex tiġi żgurata l-kwalità tajba u biex jiġi massimizzat il-potenzjal tar-riċiklaġġ tal-materjal. 

Ir-residenti huma għalhekk imħeġġa joħorġu l-ħġieġ f’kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw bħal ma huma l-bins li diġà tqassmu mill-WasteServ f’ kull dar jew kwalunkwe kontenitur ieħor li jistgħu jerġgħu jintużaw b’ mod permanenti. 

Ir-residenti qed jiġu mfakkra li jistgħu wkoll jużaw id-diversi Bring-in-Sites, wieħed mill-mitejn iBiN (www.ibins.mt) tal-ħġieġ jew imorru f'wieħed mis-sitt faċilitajiet għall-Iskart Goff madwar Malta u Għawdex sabiex jiddisponu min dan il-ħġieġ. 

Residenti li jgħixu f’appartamenti huma mħeġġa jikkunsidraw li jkollhom sistema komuni għall- appartamenti tagħhom. Dawn il-miżuri li qed jiddaħlu mill-ewwel ta’ Settembru qed isiru biex l-isforzi li qed jagħmel il-pubbliku sabiex jaħsel u jissepara l-ħġieġ ma jiġux imminati waqt il-ġbir permezz ta’ taħlit tal-ħġieġ ma’ materjali oħra, bħal kartun u plastik. 

Dawk ir-residenti li għadhom ma ġabrux is-sett ta’ bins mqassma mill-WasteServ għadhom fiċ-ċans li jagħmlu dan. Żuru is-sit https://www.wasteservmalta.com/en/domestic-waste għal aktar informazzjoni jew iċemplu 8007 2200.      

 
WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200