WasteServ ingħatat il-Marka tal-Kwalità tar-Riżorsi Umani mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani (FHRD). Dan ir-rikonoxximent nazzjonali jiddistingwi organizzazzjonijiet li jħaddnu prattiki effettivi tar-Riżorsi Umani permezz tal-implimentazzjoni ta’ diversi politiki u strateġiji, inkluż iż-żamma tat-talent, l-iżvilupp tal-karriera u l-impenn tal-impjegati.
“In-nies tagħna huma l-qofol ta’ kollox,” qal Richard Bilocca, Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ. “Aħna kburin li għandna ħaddiema minn oqsma differenti u b’ħiliet varji li, permezz tad-dedikazzjoni tagħhom, qed jiżguraw futur ambjentali aħjar għal pajjiżna. L-impenn li juru kuljum huwa tassew ammirevoli, u għalhekk nagħtu importanza kbira li ninvestu fil-benessri tagħhom u fl-iżvilupp tagħhom.”
Bħala parti mill-programm tal-benessri tal-impjegati, WasteServ għandha dipartiment iddedikat iffurmat minn tobba, infermiera u ħaddiema soċjali, li joffri firxa ta’ servizzi li jvarjaw minn kura medika s’appoġġ kontra d-dipendenzi, li jgħin ukoll sabiex jinħoloq ambjent tax-xogħol mingħajr stigma. Barra minn hekk, WasteServ tipprovdi frott frisk kuljum lill-impjegati kollha u bħalissa għaddejja bix-xogħolijiet fuq gym għall-impjegati biex tgħinhom jibqgħu attivi. Dawn l-inizjattivi jikkumplimentaw l-isforzi kontinwi biex tittejjeb is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ tagħlim u żvilupp, u jinħolqu prattiki tax-xogħol aktar flessibbli u ta’ sostenn.
Dan ir-rikonoxximent wasal ukoll fi żmien meta WasteServ qed tmexxi l-kampanja tagħha ‘Unbox Your Future’, li permezz tagħha qed juru l-impjegati f’sensiela ta’ intervisti qed jaqsmu x’jinvolvi xogħol ma’ WasteServ. Il-kampanja tenfasizza r-rwoli diversi, l-iżvilupp tal-karriera u l-istejjer personali tal-ħaddiema.
“Din il-Marka tal-Kwalità turi li x-xogħol tagħna qed jagħmel differenza fuq il-post tax-xogħol,” qalet Alexia Spiteri, Maniġer tar-Riżorsi Umani, Tagħlim u Żvilupp. “Hija prova li l-isforzi tagħna biex noħolqu ambjent tax-xogħol pożittiv u ta’ sostenn qed iħalli l-frott. Ninsabu kburin b’dan il-premju u grati lejn it-timijiet kollha fil-kumpanija li għamlu dan possibbli.”
Il-Marka tal-Kwalità tar-Riżorsi Umani tingħata mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani (FHRD) u tirrikonoxxi organizzazzjonijiet li juru prattiki effettivi tar-Riżorsi Umani u impenn sostenibbli lejn l-iżvilupp u l-benessri tal-impjegati.