Il-maniġment tal-Wasteserv stieden lill-Membru Parlamentari Ewropew Dr Alfred Sant sabiex iżur l-Kumpless Ambjentali tal-Magħtab. Dan il-kumpless jikkonsisti fil-miżbla rijabilitata tal-Magħtab, il-miżbliet ikkontrollati taż-Żwejra u tal-Għallis, kif ukoll il-faċilita’ Malta North.
Meta ċ-Ċermen, David Borg u l-Kap Eżekuttiv Tonio Montebello flimkien ma’ Dr Alfred Sant kienu biswit il-miżbla ta’ l-Għallis, li qed timtela’ b’rata mgħaġġla, Dr Sant irrimarka li Malta hija fost il-ftit mill-pajjiżi Ewropej li għadhom jarmu fil-miżbliet persentaġġ qawwi mill-iskart ġġenerat.
Iċ-Ċermen tal-Wasteserv ta rendikont tal-impenji tal-Wasteserv matul dawn l-aħħar erba’ snin sabiex tiġi ndirizzata din il-problema, li kien jinkludi investiment sostanzjali fl-infrastruttura, kampanji edukattivi varji kif ukoll l-introduzzjoni tal-proġett pilota għal ġbir ta’ skart organiku minn tlieta u għoxrin lokalita’. L-iktar proġett infrastrutturali riċenti, dak tal-faċilita’ Malta North, għin lill-kumpanija biex skond direttivi tal-Unjoni Ewropeja tnaqqas l-ammont ta’ skart li jiġi mormi fil-miżbla, partikolarment skart biodegraddabli. Il-Kap Eżekuttiv Montebello żied jgħid li permezz ta’ dan l-impjant żdied ukoll l-irkuprar ta’ skart riċiklabbli li jikkontribwixxi fl-isforzi biex jintlaħħqu il-miri tal-Unjoni Ewropeja. Waqt din iż-żjara kien innutat li huwa essenzjali li pajjiżna jinvesti f’impjant waste to energy sabiex l-infrasruttura tal-immaniġjar tal-iskart issir iktar ħolistika, partikolarment minħabba l-karatteristiċi tal-pajjiż nnifsu. Peress li Malta hija gżira jinħolqu kumplikazzjonijiet loġistiċi kif ukoll spejjeż għoljin ħafna għall-esportazzjoni tal-iskart. Dan minbarra l-fatt li l-art hija limitata u kkunsidrata bħala ħela jekk ikollha tittieħed iktar art biex tiġi estiża l-miżbla li tispicca tersaq iktar viċin ta’ żoni residenzjali.
Dr Sant faħħar l-impenn tal-Gvern li permezz tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima qed jimplimenta diversi inizjattivi biex jissaħħaħ is-settur tal-immaniġġjar tal-iskart. Wasteserv qablet li l-estensjoni tal-proġett tal-borża organika fuq livell nazzjonali iktar tard din is-sena, kif ukoll iktar infurzar jawguraw għal prattiċi iktar sostenibbli fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart hekk kif huwa obbligat mill-Unjoni Ewropeja.