WasteServ qed tagħmel pass sinifikanti ieħor biex il-pajjiż ikompli jimxi lejn ekonomija iktar ċirkolari b’investiment f’pasteuriser ġdid. Dan l-investiment ikompli jsaħħaħ l-impenn kontinwu ta’ WasteServ biex l-iskart organiku jiġi trasformat f’riżorsi siewja, li jmexxu lill-pajjiż lejn futur aktar sostenibbli. Dan tħabbar mill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo waqt żjara fil-kumpless ECOHIVE fin-Naxxar, fejn huwa bbażat dan l-apparat.
Dan il-pasteuriser se jkun qed jipproċessa d-diġestat, materjal li jibqa’ fl-aħħar tal-proċess tal-iskart organiku, f’kompost ta’ grad agrikolu li l-bdiewa jistgħu jużaw b’mod sikur. Dan biex iżidu s-sustanzi fil-ħamrija tagħhom. Minbarra li tiġi ġġenerata l-enerġija mill-iskart organiku li jinġabar, WasteServ issa se tkun qed tikkonverti dan il-materjal f’addittiv għall-ħamrija ta’ kwalità għolja biex isostni l-agrikoltura lokali.
Il-Ministru Dalli qalet li dan l-makkinarju l-ġdid se jgħin sabiex WasteServ tkompli tittrasforma l-iskart f’riżorsi aktar siewja, u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-isforzi favur is-sostenibbiltà. “Din l-inizjattiva qed tkompli tibni fuq l-isforzi kontinwi ta’ WasteServ li diġà qegħdin isiru fiċ-Ċentru għall-Iskart Goff f’Ta’ Qali, fejn l-iskart agrikolu qed jinbidel f’kompost. Il-kompost prodott miż-żewġ faċilitajiet issa se jkun qed jitgħaqqad flimkien biex inkomplu nippromwovu l-użu sostenibbli tar-riżorsi filwaqt li nappoġġjaw s-settur agrikolu,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Refalo spjega kif dan huwa kruċjali ferm għaż-żamma tar-raba’, u dan kollu jista’ jkun possibbli permezz ta’ proċess li jara li l-kompost jitqassam għand il-bdiewa, u li eventwalment iwassal għall-ikel ta’ kwalità fuq l-imwejjed tal-familji Maltin u Għawdxin. “Illum qed nerġgħu naraw li l-Gvern qiegħed iżomm kelmtu ma’ għexieren ta’ bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin f’ħidmithom u fl-istess ħin qed naraw il-frott li qed tħalli l-Aġenzija Maltija għall-Ikel li l-għan tagħha kien li tieħu ħsieb il-proċess ħolistiku tal-prodott lokali mill-produzzjoni sa kemm dan jasal għand il-konsumatur.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca spjega kif dan l-investiment jirrappreżenta titjib fl-operat ta’ WasteServ. “Bħalissa għaddej l-ikkummissjonar u l-ittestjar ta’ dan il-makkinarju bir-riżultat aħħari jkun żieda sinifikanti fil-produzzjoni tal-kompost, b’kapaċità ta’ produzzjoni annwali ta’ madwar 2,900 tunnellata ta’ kompost. Dan l-investiment mhux biss se jippermettilna nipproduċu sostanzjalment aktar kompost għall-bdiewa iżda se jżid ukoll il-valur u l-kwalità tal-materjal organiku,” qal Bilocca.
Min-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel Brian Vella, tenna li dan il-proġett se jkompli jikkumplimenta proġett li diġà beda b’kollaborazzjoni bejn il-WasteServ u l-Aġenzija Maltija għall-ikel. “B’dan il-ftehim qed inkomplu insaħħu l-ekonomija ċirkolari. Bi proġetti bħal dawn qed igawdi ukoll il-bidwi għaliex dan il-kompost qed jingħata lura lill-bdiewa biex jiġi użat fl-għelieqi tagħhom biex ikabbru l-prodott lokali u jsaħħu r-reżiljenza tas-settur”
Il-pasteuriser se juża l-fwar biex jisterilizza d-diġestat f’temperaturi għoljin ħafna. Id-disinn tiegħu jiżgura telf minimu ta’ enerġija, li se tippermetti li dan il-materjal jiġi ikkonvertit f’kompost biex ikun jista’ jintuża.
Il-kompost ta’ kwalità għolja li se jkun prodott permezz ta’ dan il-makkinarju l-ġdid se jitqassam lill-bdiewa mingħajr ħlas permezz ta’ ftehim bejn WasteServ u l-Aġenzija Maltija għall-Ikel. Il-bdiewa se jkunu jistgħu jiġbru l-kompost mill-Pitkalija.