Nar istantanju (flash fire), li nfirex fi ftit sekondi minħabba vortiċi qawwi ta’ arja, kien il-kawża l-inċident li seħħ l-Erbgħa fil‑faċilità ta’ WasteServ fil‑Magħtab.
In‑nar qabad f’żona kkontrollata ftit wara l‑11:30 ta’ filgħodu, u filmati mis‑sistema ta’ CCTV li WasteServ qed toħroġ juru kemm is‑sitwazzjoni żviluppat malajr.
In-nar ġie kkontrollat f’ħin qasir grazzi għar‑rispons immedjat u kkoordinat mid‑Dipartiment tal‑Protezzjoni Ċivili flimkien mal-ħaddiema ta’ WasteServ. Madankollu, ir-riħ qawwi li baqa’ jibdel id-direzzjoni diversi drabi kompla joħloq sfidi, bil‑ħaddiema tat‑tifi tan‑nar jibqgħu fuq il‑post sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu sakemm iż-żona affettwata kienet kompletament mgħottija b’materjal inert.
Grazzi għall‑azzjoni immedjata meħuda minn dawk kollha involuti, l‑ebda impjegat ma weġġa’ u ma ġew irreġistrati ebda ħsarat fil‑faċilitajiet ta’ WasteServ.
Iż‑żona affettwata ġiet iżolata u baqgħet taħt monitoraġġ kontinwu tul il-ħin kollu tal‑inċident, kif ukoll fis‑sigħat ta’ wara.
WasteServ tixtieq tirringrazzja lill‑ħaddiema ddedikati tal‑Protezzjoni Ċivili għar‑rispons immedjat u professjonali tagħhom, kif ukoll lill‑impjegati tagħha stess għad‑dedikazzjoni u l‑impenn murija matul dan l‑inċident.
Inċident bħal dan jkompli jenfasizza l-importanza li l-iskart jintrema b’mod korrett. Materjali li jieħdu n-nar, bħal batteriji, anke jekk żgħar, qatt m’għandhom jintremew fil-borża s-sewda.
Dan l-inċident ifakkarna wkoll fil-ħtieġa urġenti li nimxu ’l bogħod mill-miżbliet.