Il-ħaddiema ta’ WasteServ mistennija jibbenefikaw minn żieda fil-paga ta’ bejn €1,000 u €2,000 fis-sena grazzi għall-ftehim kollettiv ġdid, li għadu kif ġie ffirmat.
Il-ftehim, iffirmat bejn il-management tal-entità u l-UĦM, isaħħaħ ukoll l-impenn ta’ WasteServ li tippromwovi bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol – prijoritajiet importanti għall-kumpanija – u jinkludi ukoll allowances speċifiċi biex jikkumpensaw lill-ħaddiema skont il-kumplessitajiet tar-rwoli differenti tagħhom.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, qalet li “dan il-ftehim kollettiv ġdid huwa pass importanti ’l quddiem għall-ħaddiema ta’ WasteServ, li l-bżulija u d-dedikazzjoni tagħhom qed imexxu lil Malta lejn ekonomija aktar ċirkolari. Dan il-ftehim ikompli itejjeb l-paga tagħhom anke fid-dawl tat-tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca qal li “WasteServ qegħda tikseb rekords ġodda grazzi għad-dedikazzjoni u l-ħidma tal-impjegati tagħna, u dan il-ftehim jenfasizza l-impenn kontinwu ta’ din l-entità biex jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet imprezzabbli tagħhom. Nixtieq nirringrazzja lir-rappreżentanti tal-UĦM għall-approċċ kostruttiv tagħhom matul in-negozjati, u talli żguraw li d-dedikazzjoni u l-impenn tal-ħaddiema jiġu ppremjati b ’mod xieraq.”
Il-ħaddiema ta’ WasteServ huma mifruxa fuq 11-il sit I jwettqu rwoli li jvarjaw minn operatives u inspectors sa inġiniera u xjentisti.
Hekk kif is-sena 2024 qed toqrob lejn tmiemha, dejta preliminarja tindika li WasteServ se tkun qed tikser ir-rekord ta’ prestazzjoni tas-sena li għaddiet. Dan ikompli jenfasizza lir-rwol importanti tal-ħaddiema biex imexxu ’l quddiem prattiki sostenibbli fl-immaniġġjar tal-iskart.