Contact Us

en Flag  mt Flag 

Waqt li t-turiżmu jtejjeb l-ekonomija fir-reġjun tal-Mediterran, iġib ukoll miegħu sfidi bħal dawk relatati mal-iġġenerar u l-immaniġjar tal-iskart. L-awtoritajiet lokali spiss isibu diffikultà biex ikampaw mal-iskart u ż-żibel li jinħoloq, speċjalment fl-istaġun meta jkun hawn ħafna xogħol. 

Il-Proġett BLUEISLANDS, li seħħ bejn Novembru tal-2016 u April tal-2020, fittex li jidentifika, jindirizza u jtaffi l-effett tal-varjazzjoni tal-iskart staġjonali fuq gżejjer Mediterranji, u kif dan kollu huwa effett tat-turiżmu.   


Dan il-proġett ikkonsista minn tliet fażijiet differenti. L-ewwel fażi involviet l-evalwazzjoni tad-dinamika staġjonali tal-iskart tal-baħar fi tliet bajjiet. WasteServ għażlet li twettaq dan l-istħarriġ fir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay) (li hi bajja popolari mat-turisti), il-Bajja tal-Ġnejna  (bajja poplari lokalment) u l-Ballut ta’ Marsaxlokk, bajja li ma jmorrux ħafna nies fiha. L-istħarriġ sar fis-Sajf tal-2017 u mill-ġdid sentejn wara, fl-2019. Ir-riżultati żvelaw li l-loqom tas-sigaretti huma l-iktar oġġetti li jintremew fuq il-bajjiet kollha.

It-tieni fażi tal-proġett ikkonsistiet minn ittestjar. Dan l-istadju kien maqsum fi tliet fażijiet li l-mira tagħhom kienet li jiddefinixxu, jimplimentaw u jevalwaw l-attivitajiet pilota li kienu jinvolvu serje t’azzjonijiet implimentati bl-iskop li jitnaqqas l-ammont ta’ żibel u skart organiku relatat mat-turiżmu u attivitajiet ta’ rikreazzjoni li jsiru fuq il-bajjiet.  

WasteServ organizzat attivitajiet li jqajmu kuxjenza u li taw informazzjoni bis-saħħa ta’ mezzi varji u fuq livelli differenti. Dan kollu kien akkumpanjat minn kampanja onlajn u riklami. Il-messaġġi ewlenin kienu dwar il-bżonn li nifhmu t-theddid u l-impatti tal-iskart fuq l-ekosistema tal-kosta marittima u l-ħajja marittima; li d-drawwiet tal-konsumatur għandhom jinbidlu u li imġiba sostenibbli għandha tiġi applikata sabiex ir-rimi ta’ skart illegali, skart organiku u nutrienti antropoġeniċi ma jitħalltux mal-ambjent; it-tħaddin ta’ ekonomija ċirkolari u t-tnaqqis t’oġġetti li jintużaw darba biss. B’riżultat ta’ dan ġie irreġistrat tnaqqis ta’ 53.5% u 47.8% fil-loqom tas-sigaretti misjuba fil-Bajja tal-Mixquqa u fil-Bajja tal-Ġnejna rispettivament.


Matul l-aħħar fażi tal-proġett, BLUEISLANDS ħadem ħafna biex jiffaċilita l-iskambju t’għarfien bejn l-imsieħba fil-proġett u partijiet esterni interessati. Għal din ir-raġuni, inħoloq ktejjeb gwida dwar il-ġestjoni tal-iskart, bi skedi informattivi li fihom prattiċi tajbin u innovazzjonijiet li ġew implimentati fit-territorji tal-imsieħba u li, b’mod dirett, ikkontribwixxew sabiex il-komunitajiet tal-partijiet interessati fil-gżejjer jingħataw setgħa. Il-ktejjeb jipproponi u juri soluzzjonijiet li ġa jeżistu u huma prattiċi sabiex jiġu implimentati mill-awtoritajiet pubbliċi u/jew professjonisti biex jiġġestixxu kwistjonijiet marbuta mal-immaniġjar tal-iskart.

Dan il-proġett kien ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u kien implimentant bi sħab ma’ dawn l-organizzazzjonijiet Ewropej:

  • Ministeru tal-Agrikoltura, Żvilupp Rurali u l-Ambjent – Dipartiment tal-Ambjent, Ċipru (Sieħeb Ewlieni) 
  • Il-Muniċipalità ta’ Rodi, Greċja 
  • Ir-Reġjun ta’ Kreta – Direttorat tal-Ambjent u Ippjanar Spazjali, Greċja 
  • Il-Muniċipalità ta’ Mikonos, Greċja 
  • Network of the Insular CCI of the European Union, Greċja 
  • Il-Kontea ta’ Primorje u Gorski Kotar, Kroazja 
  • Konsorzju Taormina Etna, Italja 
  • Ir-Reġjun ta’ Sardinja, Dipartiment VET, Italja 
  • EA Eco-Entreprises, Franza 
  • Autonomous University ta’ Barċellona – Istitut tax-Xjenza Ambjentali u Teknoloġija, Spanja 
  • Konsorzju Nazzjonali Inter-University tax-Xjenzi Marittimi, Italja 
  • Assoċjazzjoni tal-Bliet u Reġjuni għal Ġestjoni ta’ Riżorsi sostenibbli, Belġju 
  • Kunsill ta’ Mallorca – Dipartiment tal-Ambjent, Spanja

Għal aktar informazzjoni dwar il-Proġett, ġentilment mitlub/a żżur is-sit ta’ BLUEISLANDS.

Ara ir-riżultat tal-proġett f’dan il vidjo.

WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200