WasteServ tkompli tinvesti fil-ħaddiema tagħha bit-tnedija ta’ kampanja edukattiva mmirata biex issaħħaħ il-kultura tas-saħħa u s-sigurtà fil-faċilitajiet tagħha.
Din l-inizjattiva tintroduċi żewġ karattri fittizji iżda relatabbli, Wiġi u Ġiġi, li l-ħaddiema jistgħu jidentifikaw ruħhom magħhom. Permezz tal-personalitajiet distinti tagħhom u sitwazzjonijiet ta’ kuljum li jirriflettu l-ambjent tax-xogħol, dawn il-karattri se jwasslu messaġġi b’mod interessanti, memorabbli u faċli biex jinftiehem.
Bit-tagline “Isma’ minn Wiġi, tgħallem bħal Ġiġi”, l-kampanja għandha l-għan li tħeġġeġ lill-impjegati jirriflettu fuq l-imġieba tagħhom, jadottaw prattiċi aktar siguri, u jieħdu responsabbiltà akbar għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom kif ukoll ta’ sħabhom.
Filwaqt li faħħret l-inizjattiva, l-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet li l-kampanja turi impenn b’saħħtu lejn standards ogħla fuq il-post tax-xogħol u l-benesseri tal-impjegati.
Li żżid l-għarfien u tinkoraġġixxi mġieba responsabbli fuq il-post tax-xogħol huwa essenzjali, u inizjattivi bħal din juru impenn ċar biex il-benesseri tal-impjegati jitqiegħed l-ewwel. Din l-inizjattiva qed tiżgura li mhux biss jiġu mħarsa l-ħaddiema, iżda jitjiebu wkoll l-istandards fuq il-post tax-xogħol billi tissaħħaħ il-kultura tas-saħħa u s-sigurtà fil-prattiki ta’ kuljum. Irridu li l-ħaddiema tagħna jibqgħu b’saħħithom u sikuri kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll lil hinn minnu.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, enfasizza l-importanza li tinżamm kultura b’saħħitha ta’ saħħa u sigurtà fl-operat kollu tal-kumpanija.
“Fis-settur li naħdmu fih, is-saħħa u s-sigurtà mhumiex għażla, u l-impjegati tagħna jibqgħu l-ogħla prijorità f’kull ħin. Din il-kampanja hija mfassla biex tinkorpora l-prinċipji tas-saħħa u s-sigurtà fl-operat ta’ kuljum permezz ta’ messaġġi konsistenti u faċli biex tiftakarhom. Il-viġilanza kontinwa, l-osservanza tal-proċeduri, u li wieħed ikun jaf kif jirreaġixxi f’emerġenza huma elementi essenzjali għal ambjent ta’ xogħol sikur.”
Il-kunċett wara din il-kampanja huwa li jissaħħaħ il-mod kif jitwasslu l-messaġġi tas-saħħa u s-sigurtà, permezz ta’ sitwazzjonijiet li l-ħaddiema jistgħu jirrelataw magħhom. Dan bl-għan li jiżdied is-sens ta’ responsabbiltà fost l-impjegati.
Din il-kampanja tibni fuq l-investiment sinifikanti li WasteServ għamlet matul dawn l-aħħar snin fis-sistemi ta’ prevenzjoni u tifi tan-nar, tagħmir speċjalizzat, u taħriġ kontinwu għall-impjegati. Dawn l-isforzi qed jiġu kkumplimentati billi jiġi żgurat li l-għarfien jiġi applikat b’mod konsistenti fl-imġieba ta’ kuljum.