Ikkuntatjana
Matul is-snin, il-miżbliet ta’ Malta li m’għadhomx jintużaw ġew riabilitati b’mod sigur sabiex jipprovdu ambjent li jmur mal-inħawi naturali tal-madwar, u fejn possibbli, isiru postijiet pjaċevoli għall-komunitajiet lokali.
Dik li darba kienet muntanja ta’ żibel fil-Magħtab issa ġiet imħawla bi pjanti u veġetazzjoni indiġena Maltija. Bħala parti mir-riabilitazzjoni, ġie installat Ossidatur Termali Riġenerattiv biex ikun jista’ jittratta gassijiet li jagħmlu ħsara.
Il-miżbla ta’ Marsaskala ġiet mibdula f’wieħed mill-iktar parks popolari mal-familji b’post ta’ rikreazzjoni għat-tfal, gym fuq barra u amfiteatru. Flimkien mal-park għall-familja, ir-riabilitazzjoni inkludiet ukoll ir-restawr tal-kappella ta’ Sant’Antnin li tinsab viċin. Sabiex il-problema tal-għargħar fl-inħawi tkun tista’ tissolva, inbnew żewġ ġibjuni b’kapaċità totali ta’ madwar 1,700m3 biex fihom jinġabar l-ilma tax-xita.
F’Awwissu tal-2019, WasteServ nediet proġett ta’ riabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Wied Fulija, li kien iffinanzjat mill-UE u li involva r-restawr ta’ 9.1 ettari fi green area b’passaġġ ippavimentat biex il-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess għall-irdum, minn fejn ikun jista’ jara l-veduta panoramika tal-inħawi. Dan il-proġett tlesta u ġie inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela fit-12 ta' Lulju 2021.
Agħfas hawn biex tkun taf iktar dwar dan il-proġett
F’Għawdex, ir-riabilitazzjoni u restawr tal-miżbla tal-Qortin intlaħaq permezz tal-installazzjoni t’engineered capping u l-kważi 23,000 arbuxelli li tħawlu. Il-ħames ettari t’art ġew trasformati sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass u l-produzzjoni tal-leachate. Wara li l-miżbla ġiet riabilitata b’suċċess, ittieħdet id-deċiżjoni li ż-żona tkun assolutament sigura għall-pubbliku biex igawdiha, dan sar permezz ta’ poġġaman ta’ sigurtà, xtiebi u ċnut mad-dawra.
Copyright © 2021 WasteServ Malta Ltd. Id-drittijiet kollha riżervati. Privacy Policy | Cookie Policy