FATTI fuq it-Thermal Treatment Facility l-ġdid 

Dak kollu li għandek bżonn tkun taf fuq il-proġett l-ġdid ta’ WasteServ.

ALLEGAZZJONI 1: It-Thermal Treatment Facility l-ġdid se jaffettwa l-kwalità tal-arja fiż-żoni li jinsabu f’raġġ ta’ sitt kilometri

Ir-raġġ ta’ sitt kilometri jirrappreżenta Area of Influence (AoI) li ntużat fil-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali għall-immudellar tal-kwalità tal-arja u ma jfissirx li din iż-żona se jkollha impatt negattiv.

Dan l-istudju wassal għal evalwazzjoni komprensiva tal-kwalità tal-arja kemm f’lokalitajiet fil-qrib kif ukoll f’dawk aktar il-bogħod. Dan ikkonferma li mhux se jkun hemm l-ebda tibdil sinifikanti fil-kwalità tal-arja fil-parti l-kbira ta’ din iż-żona. Li jingħad li ż-żona kollha li tinsab f’raġġ ta’ sitt kilometri se tkun affettwata b’mod negattiv huwa kompletament żbaljat.

F’post wieħed biss, art agrikola madwar 400 metru ’l bogħod mill-faċilità, jista’ jkun hemm żieda żgħira fil-partiċelli, iżda dan xorta jibqa’ ferm taħt il-limiti stabbiliti.

ALLEGAZZJONI 2: It-Thermal Treatment Facility l-ġdid se jaffettwa b’mod negattiv is-saħħa tar-residenti u ta’ wliedhom

Il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali inkludiet ukoll studju ta’ kull sensitive receptor, li jinkludu skejjel, djar u faċilitajiet oħra fi ħdan l-Area of Influence. Il-faċilità se tkun qed tuża l-aqwa teknoloġija disponibbli (Best Available Technology) flimkien ma’ sistema robusta ta’ kontroll tal-emissjonijiet biex jitnaqqas r-riskju ambjentali u dak relatat mas-saħħa.

L-air dispersion modelling ma sab l-ebda effett negattiv ta’ sinifikat relatat mas-saħħa, anke fix-xenarju l-aktar gravi. F’każ ta’ sensitive receptor wieħed biss (R27) li tiġi art agrikola madwar 400 metru ’l bogħod mill-faċilità, nstab li jista’ jkun hemm impatt kumulattiv minuri minħabba dan l-impjant u l-impjant Waste-to-Energy, iżda dan xorta jibqa’ ferm taħt il-limiti stabbiliti.

Aktar importanti minn hekk, l-emissjonijiet kollha previsti jibqgħu sew taħt il-limiti stabbiliti fid-Direttiva tal-UE dwar il-Kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (2008/50/KE), li tiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa tal-publiku. 

ALLEGAZZJONI 3: Il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali ma tagħmel l-ebda referenza għal PM2.5 

PM2.5 jirreferi għal partiċelli fini, jiġifieri partiċelli b’dijametru ta’ 2.5 mikron jew iżgħar. Il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali eżaminat tliet xenarji:


  • Xenarju A: Tagħbija ta’ 60 fil-mija għal 24 siegħa.
  • Xenarju B: Tagħbija ta’ 100 fil-mija għal 23 siegħa, u tagħbija ta’ 110 fil-mija għal siegħa.
  • Xenarju C: Ibbażat fuq l-Iskeda 2 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja dwar l-Inċinerazzjoni tal-Iskart fir-rigward tal-Emissjonijiet Industrijali (L.S.549.81), b’150 mg/Nm³ trab fiċ-ċumnija. 

Ir-riżultati kollha indikaw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM2.5, kif ukoll ta’ PM10 u NO2 se jibqgħu fil-limiti regolatorji tal-kwalità tal-arja.

ALLEGAZZJONI 4: Il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali ma ssemmix in-nanopartiċelli

In-nanopartiċelli ġew studjati fil-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali billi ġew inklużi fl-air dispersion modelling. 


L-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu bħal metalli tqal u dijossini ġew ikkalkulati f’nanogrammi għal kull metru kubu (ng/m³). Ċertu sustanzi li jniġġsu ġew ukoll studjati f’livelli saħansitra aktar baxxi, bħal livell pikogramm. L-istudju inkluda wkoll ir-rati ta’ depożizzjoni ta’ partiċelli fini ħafna u sustanzi volatili oħra, kif ukoll ġie evalwat l-impatt l-aktar gravi fiż-żoni ta’ dawn is-sensitive receptors. 

Din il-metodoloġija hija konsistenti mal-aqwa prassi tal-UE u tikkonferma li l-livelli ta’ sustanzi ta’ tniġġis żgħar ħafna, inklużi n-nanopartiċelli, jibqgħu sew taħt il-limiti regolatorji u ma jippreżentaw ebda riskju għas-saħħa tan-nies.

ALLEGAZZJONI 5: It-Thermal Treatment Facility l-ġdid se jarmi d-dijossidu tal-karbonju u dijossini

L-emissjonijiet kemm ta’ dijossidu tal-karbonju kif ukoll ta’ dijossini ġew studjati bir-reqqa:

  • Dijossidu tal-karbonju (CO2): Għalkemm CO2 mhuwiex klassifikat bħala sustanza tossika taħt id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, dawn l-emissjonijiet ġew ikkalkulati ukoll. Il-prestazzjoni tal-faċilità fir-rigward tal-gassijiet serra huma konformi mar-rekwiżiti. 
  • Dijossini: L-emissjonijiet ġew studjati fid-dettall, bil-limiti ta’ kull ġurnata previsti li jkunu ferm taħt il-limiti legali, anke fl-agħar kundizzjonijiet. 

ALLEGAZZJONI  6: It-Thermal Treatment Facility l-ġdid se jipproċessa 400 tunnellata ta’ skart kuljum

Din il-faċilità l-ġdida se tinkludi żewġ linji separati, kull waħda b’kapaċità li tipproċessa 7,000 tunnellata ta’ skart fis-sena.

Fil-bidu, din se tkun qed topera b’linja waħda biss, u t-tieni linja se tkun qed tinxtegħel biss jekk tiżdied id-domanda. B’żewġ linji joperaw, il-faċilità se tkun qed tipproċessa medja ta’ 38 tunnellata kuljum, ferm inqas mill-ammont li qed jiġi allegat.

ALLEGAZZJONI 7: Ir-riħ prevalenti ma ġiex ikkunsidrat

Dan l-istudju ħares lejn d-dejta tar-riħ mill-2021 biex identifika żewġ direzzjonijiet ta’ riħ prevalenti: Majjistral għax-Xlokk u Punent il-Lbiċ għal Grieg il-Lvant. 


Barra minn hekk, l-istudju ikkalkula wkoll id-direzzjoni tar-riħ lejn fejn jonfoħ milli d-direzzjoni minn fejn jiġi, biex b’hekk seta' jiġi kkalkulat aħjar it-tixrid ta’ tniġġis.

Għal darb’oħra, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-istudju ma sab ebda kawża ta’ tħassib.

ALLEGAZZJONI 8: Il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali saret b’mod frammentat

Il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali la kienet frammentata u lanqas saret b’mod iżolat. Dan l-istudju kien koordinat u komprensiv skont il-liġijiet tal-UE.

L-istudju beda billi evalwa l-kundizzjonijiet ambjentali preżenti biex imbagħad magħhom seta jikkunsidra proġetti oħra fil-Magħtab, bħall-impjant Waste-to-Energy, l-Organic Processing Plant, u l-Material Recovery Facility. Ikkalkula wkoll l-impatti kumulattivi, bħall-emissjonijiet fl-arja ta’ dawn il-proġetti kollha, u instab li dawn se jkunu konformi mad-Direttiva tal-UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (2011/92/UE), li tipprojbixxi b’mod espliċitu valutazzjonijiet frammentati.

Is-sezzjoni 2.3.3, “Other planning developments in the area” tal-Coordinated Assessment għal din il-faċilità jirreferi għal proġetti proposti oħrajn li jaqgħu taħt il-proġett ECOHIVE, jiġifieri l-impjant Waste-to-Energy, l-Organic Processing Plant, u l-Material Recovery Facility.

Jikkunsidra wkoll it-tieni interconnector (IC2) tal-Enemalta.

ALLEGAZZJONI 9: Dan il-proġett mhux soluzzjoni ekoloġika

It-Thermal Treatment Facility il-ġdid (TTF) huwa komponent kruċjali fl-istrateġija sostenibbli għall-immaniġġjar tal-iskart f’Malta, u jappoġġa direttament it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari u b’emissjonijiet baxxi. 


Il-benefiċċji ambjentali ewlenin jinkludu:

  • Faċilità ġdida bl-aqwa teknoloġija disponibbli (Best Available Technology) minflok dik antika li se jkollha inkluż sistemi avvanzati ta’ filtrazzjoni u monitoraġġ tal-emissjonijiet f’ħin reali.
  • Trattament lokali ta’ skart perikoluż li ma jistax jiġi evitat biex b’hekk ma jkunx hemm bżonn li jiġi esportat l-iskart u b’hekk inaqqsu l-emissjonijiet assoċjati ma dan.
  • Konformità mal-Ġerarkija tal-Iskart tal-UE billi niġġestixxu l-iskart li ma jistax jitnaqqas, jerġa’ jintuża jew jiġi riċiklat. 
  • Inkunu konformi mal-Pjan fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart f’Malta 2021–2030 billi ma nibqgħux niddependu fuq il-miżbliet. 
  • Livelli ta’ emissjonijiet ferm taħt il-limiti tal-UE, kif anke ġie ikkonfermat mill-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali. 

ALLEGAZZJONI 10: Il-proġett ECOHIVE huwa biss eżerċizzju ta’ “greenwashing”

Imħabbar fl-2020, il-proġett ECOHIVE jirrappreżenta l-akbar investiment li qatt sar fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta. Mhux biss se jittrasforma s-settur tal-immaniġġjar tal-iskart iżda wkoll il-prestazzjoni ambjentali tal-pajjiż billi jilħaq l-miri tas-settur.

B’investiment ta’ €500 miljun, il-proġett qed jippermetti lil Malta titbiegħed mil-miżbliet u timxi lejn ekonomija ċirkolari fejn l-iskart jitqies bħala riżorsa. Ir-riżultati se jkunu jistgħu jitkejjlu, se jkunu viżibbli u essenzjali għall-futur ta’ Malta.


ALLEGAZZJONI 11: Ma sarux konsultazzjonijiet mal-Kunsilli Lokali jew mar-residenti

Bejn il-25 ta’ Marzu u l-5 ta’ Mejju 2024, il-pubbliku seta’ jikkontribwixxi għat-Termini ta’ Referenza tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali li jistabilixxu l-istudji ambjentali meħtieġa.

Wara li sar dan l-istudju, ġie ppubblikat avviż fil-gazzetta fid-9 ta’ Marzu 2025 biex b’hekk il-pubbliku kien infurmat li dan l-istudju tlesta.

Dan ġie segwit b’seduta pubblika fit-23 ta’ April 2025 fejn ġie preżentat dan l-istudju. Din is-seduta kienet miftuħa għal kulħadd, u dawk preżenti kellhom l-opportunità jagħmlu mistoqsijiet u jikkummentaw. Wara l-laqgħa, l-pubbliku kellu sat-30 t’ April biex jissottometti aktar kummenti.

ALLEGAZZJONI 12: Ma ġewx ikkunsidrati siti alternattivi

Abbażi ta’ kriterji tekniċi u ambjentali, l-Magħtab ġie identifikat bħala l-aktar sit effettiv u adattat.

Ġewwa l-Magħtab din il-faċilità l-ġdida se tkun parti minn infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart eżistenti. Fil-post diġà hemm toroq, servizzi u sistemi loġistiċi oħra, li jippermettu l-operat jkun ċentralizzat u effiċjenti. Dan l-approċċ mhux biss itejjeb il-prestazzjoni tas-sistema kollha, iżda wkoll inaqqas id-dipendenza fuq il-miżbliet, it-trasport tal-iskart u l-ispejjeż operattivi.

Aktar dettalji jinsabu fis-sezzjoni ‘Alternative Site’ tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali. 

ALLEGAZZJONI 13: L-inċineratur se jiġi mgħobbi b’aktar skart milli jiflaħ

It-Thermal Treatment Facility ġie ddisinjata b’salvagwardji fih innifisu biex ma jkunx hemm tagħbija żejda.

Ġie iddisinjat biex jopera b’tagħbija ta’ bejn 60% u 100%, b’tolleranza għal tagħbija ta’ 110% għal siegħa waħda kuljum, skont l-istandards industrijali. Dawn il-limiti operattivi huma mmonitorjati kontinwament minn sistemi awtomatizzati.

F’każ li xi parametru jaqbeż il-limiti tas-sigurtà, s-sistema tintefa b’mod awtomatiku, biex tiżgura prestazzjoni sikura, stabbli u konformi f’kull ħin.



If you would like to read this information in English, please click here.


WasteServ Malta Ltd
ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

+356 80072200