Lill-organizazzjoni Żibel imdorrijin narawhom jorganizzaw attivitajiet kemm fuq l-art, kif ukoll taħt il-baħar, biex jiġbru kull tip ta’ skart li ħaddieħor ikun rema’ bl-iktar mod irresponsabbli.
Iżda waqt intervista interessanti li kellna ma’ Andrew, mhux biss skoprejna x’inhuma l-iktar affarijiet mhux mistennija li matul dawn l-aħħar seba’ snin ġabru mill-baħar, iżda wkoll kif kull ċittadin jista’ jagħti sehmu biex jgħinhom kemm direttament kif ukoll indirettament. Dan għaliex, biex dak li jkun jagħti l-kontribut tiegħu, mhux bilfors irid jingħaqad magħhom waqt xi clean-up, iżda jista’ jagħmel dan mill-kumdità ta’ daru billi sempliċiment ibiddel ċertu drawwiet għal oħrajn iktar sostenibbli.
U meta tirrifletti ftit fuq dan il-kumment, mhux diffiċli tifhem għaliex. Ħafna mill-iskart li jispiċċa fil-baħar joriġina minn fuq l-art, bl-iktar skart komuni jkun il-loqom tas-sigaretti. Għal kuntrajru ta’ x’jaħsbu ħafna nies, dawn il-loqom mhumiex biodegradabbli, anzi, huma magħmulin mill-plastik u jinkludu ħafna kimiċi tossiċi. Minħabba d-daqs żgħir tagħhom, u l-kwantità kbira ta’ loqom li jintremew b’mod skorret, dan it-tip ta’ skart jispiċċa fl-ibħra tagħna u jikkawża ħsara irreversibbli.
Ix-xogħol u d-differenza li din l-għaqda tagħmel f’pajjiżna huwa kbir. Għalhekk ikun xieraq li bħala ringrazzjament, kull wieħed u waħda minna jagħti sehmu u jnaqqas mill-iskart li jipproduċi sabiex intejjbu s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna u l-ibħra tagħna.